
Illum il-Ħadd 28 ta’ Ottubru 2007, fi Pjazza San Pietru ġew bbeatifikati 498 martri li ġew maqtula bejn l-1934 u l-1939, fil-Gwerra Ċivili Spanjola. Dawn jinkuldu isqfijiet, saċerdoti djoċesani, reliġjużi rġiel u nisa, u lajċi. Fost dawn insibu 17-il reliġjuż Karmelitan, li fuqhom ser nitkellem fid-dettal aktar ‘il quddiem. F’dan l-artiklu nixtieq nagħti wkoll ftit informazzjoni dwar il-Gwerra Ċivili Spanjola u l-Martri li ġew maqtula fiha.
Forsi hawn min jistaqsi x’kienet din il-Gwerra Ċivili Spanjola?
Il-Gwerra Ċivili Spanjola hija forsi l-ikbar konflitt fl-istorja ta’ Spanja. Din bdiet wara attentat ta’ kolp ta’ stat minn membri ta’ l-armata kontra l-Gvern tat-Tieni Repubblika Spanjola. Din il-Gwerra damet mis-17 ta’ Lulju 1936 sa l-1 ta’ April 1939. Spiċċat bir-rebħa tar-Ribelli imsejħin ukoll Moviment Nazzjonali. Dawn kienu ġabra ta’ partiti tal-lemin li minnhom ħareġ id-Dittatorjat immexxi mill-Ġeneral Francisco Franco. Waqt din il-Gwerra, ir-Repubblikani (li kienu favur ir-Repubblika), li kienu magħmula mill-Komunisti, is-Soċjalisti u partiti oħra tax-xellug, ġew mgħejjuna mill-Unjoni Sovjetika u mill-Messiku. Filwaqt li r-Ribelli ġew mgħejjuna mill-Portugal, mill-Italja Faxxista u l-Ġermanja Nażżista.
Din il-Gwerra żiedet it-tensjoni fl-Ewropa u wasslet għat-Tieni Gwerra Dinjija. F’ċertu sens kienet prova ta’ dak li kellu jiġri wara: It-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Ġermanja b’mod speċjali użat din il-Gwerra bħala prova għat-tattiċi li wara użat fl-Ewropa waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Gwerra Ċivili Spanjol baqgħet magħrufa għat-tbatija u l-qsim politiku li ġabet magħha, kif ukoll għall-atroċitajiet li seħħew miż-żewġ naħat.
Il-Gwerra Ċivili Spanjol baqgħet magħrufa għat-tbatija u l-qsim politiku li ġabet magħha, kif ukoll għall-atroċitajiet li seħħew miż-żewġ naħat.
Il-Gwerra Ċivili Spanjola kienet karatteriżżata wkoll minn Persekuzzjoni Reliġjuża, b’mod speċjali min-naħa tar-Repubblikani. Dawn riedu gvern lajk u kienu antiklerikali u anti-kattoliċi għall-aħħar. Skond il-kalkoli li għandha l-Konferenza Episkopali Spanjola, bejn l-1936 u l-1939 ġew maqtula fi Spanja kollha madwar 8,000 u 10,000, bejn saċerodti u lajċi. Skond Mons. Antonio Montero Moreno, li kien Arċisqof ta’ Mérida u Badajoz (bejn 1994-2004) fost dawn insibu 6,832 ruħ, li minnhom 4,184 kienu saċerdoti djoċesani, 2,365 patrijiet u 283 sorijiet. Inqatlu wkoll 12-il Isqof, Amministratur Appostoliku, xi djakni u diversi seminaristi. Skond l-istudju ta’ Vicente Cárcel Ortí hemm 3,000 lajk li fil-maġġoranza tagħhom kienu membri ta’ l-Azzjoni Kattolika. Dawn mietu, sempliċiment għax kienu nsara. L-istoriċi jgħidu li f’dan il-massakru terribbli, l-anarkiċi u s-soċjal-komunisti ipperpetwaw persekuzzjoni biex jeliminaw il-Knisja Kattolika minn Spanja, li għalihom kienet tirrappreżenta l-ikbar għadu fil-ġlieda tal-proletarjat. Ma dan inżidu ngħidu li barra l-vjolenza fuq il-persuni kien hemm ukoll “vjolenza” fuq l-oġġetti, u dan ifisser li nlaqtet propjetà u l-beni ekkleżjastiċi kollha, patrimnonju kulturali li jinkuldi opri ta’ l-arti, pitturi, statwi u oġġetti. L-awturi Kattoliċi jsejjħu l-qerda ta’ dan il-patrimonju bħala “il-Martirju ta’ l-oġġetti.” Matul il-Gwerra Ċivili ġew meqruda 20,000 knisja, fosthom diversi Katidrali, flimkien mal-patrimonju artistiku u l-arkivji tagħhom. Hugh Thomas fil-ktieb tiegħu “Ir-Repubblika Spanjola u l-Gwerra Ċivili”, jikteb li fl-ebda epoka ta’ l-istorja Ewropea, u aktarx tad-dinja, ma ġiet murija mibgħeda tant ħerqana kontra ir-reliġjon u dawk li kellhom xi relazzjoni magħha.” Stanley G. Payne jgħid li: “Il-Persekuzzjoni tal-Knisja Kattolika [fi Spanja] kienet l-ikbar waħda li qatt dehret fl-Ewropa tal-Punent”, tant li aktarx kienet persekuzzjoni eħrex minn dik tar-Rivoluzzjoni Franċiża.
Il-beatifikazzjoni kienet il-ħdax-il waħda li fiha ġew bbeatifikati martri tal-Gwerra Ċivili Spanjola. L-ewwel waħda saret fid-29 ta’ Marzu 1987 u fiha ġew beatifikati Sr. Marija Pilar, Sr. Marija ta’ l-Anġli u Sr. Tereża tal-Bambin Ġesù; ilkoll Karmelitani Skalzi. F’dik tal-11 ta’ Marzu 2001 ġie bbeatifikat is-saċerdot ta’ dixxenenza Maltija Vicente Sicluna Hernández. B’din il-beatifikazzjoni, li kellha l-ikbar numru ta’ martri fl-istorja tal-Knisja, in-numru ta’ martri Spanjoli tela’ għal 977 li minnhom 11 diġa ġew ikkanoniżżati. Ma rridux ninsew li diġa nbeda l-proċess ta’ beatfikazzjoni ta’ kważi 2,000 persuna oħra li nqatlu f’din il-Gwerra, fosthom 39 Karmelitan ieħor li huma maqsumi skond il-Provinċji rispettivi tagħhom: 10 tal-Provinċja Betika, 20 tal-Provinċja Arago-Valentina u 9 tal-Provinċja ta’ Kastilja.
F’dan il-grupp speċifiku li ġew bbeatifikati hemm żewġ Isqfijiet, 24 saċerdot djoċesan, djaknu u suddjaknu, seminarista, lajk, u diversi reliġjużi fosthom: is-17-il Karmelitan, 31 Karmelitan Skalz, 29 Franġiskan, 72 Dumnikan, 98 Agostinjan, 59 Sależjan, 58 Brother ta’ De La Salle, u reliġjużi oħra li l-Kongregazzjoni tagħhom m’hijiex preżenti f’Malta. Fost dawn insemmu 12-il reliġjuża mill-Kongregazzjoni tal-Karmelitani tal-Karità ta’ Santa Ġwakkina de Vedruna.
Il-Martri Karmelitani.
Il-Martri Karmelitani.
Il-Grupp tal-Martri Karmeliatni huwa dak ta’ Anġlu Maria Prat u sħabu, huma nqatlu kollha fl-1936. Naraw eżatt kif seħħ il-Martirju.
Nhar it-28 ta’ Lulju fl-istazzjon tat-tren kienu arrestati tnax-il reliġjuż tal-komunita’ ta’ Tàrrega (Lleida). Huma ġew meħuda f’Colt dels Aubens de Cervera, u ġew maqtula l-għada filgħodu sbiħ id-29, billi sparawlhom waqt li huma bdew isejjħu l-isem Ġesù u ta’ l-Omm tal-Karmelu. It-tnax-il reliġjuż kienu il-Pirjol P. Anġlu M. Prat Hostench, ta’ 40 sena; s-Surmast tan-novizzi u l-professi sempliċi, P. Eliżew M. Maneus Besalduch, ta’ 39 sena, P. Anastasju M. Dorca Coromina, ta’ 28 sena, li kien membru tal-komunita’ ta’ Olot (Girona) u li dik is-sena kien ippriedka n-novena f’Tàrrega waqt il-festi tal-Karmnu, P. Eduardo M. Serrano Buj, ta’ 23 sena, għalliem tal-filosofija, l-istudenti tal-filosofija Fra Pietru M. Ferrer Marin, ta’ 27 sena, Fra Andrés Corsini M. Solé Rovira, ta’ 18-il sena, Fra Ġwann M. Puigmitjà Rubió, ta’ 17-il sena, Fra Mikiel M. Soler Sala, ta’ 17-il sena u Fra Pietru-Tumas M. Prat Colldecarrera, ta’ 17-il sena; Il-Fra Eliżew M. Fontdecaba Quiroga, ta’ 45 sena u n-novizzi Fra Elija M. Garre Egea, ta’ 27 sena u Fra José M. Escoto Ruíz, ta’ 58 sena.
Fil-Lejl tat-13 ta’ Awissu kienet arrestata f’Vic (Barċellona) Swor Maria tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp Badía Flaquer, ta’ 33 sena, soru tal-klawsura tal-Monasteru ta’ Vic; ġiet maqtula dik l-istess lejla waqt li iddefendiet il-kastita tagħha u tat xhieda tal-Konsagrazzjoni tagħha lil Kristu.
Fil-Lejl tat-13 ta’ Awissu kienet arrestata f’Vic (Barċellona) Swor Maria tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp Badía Flaquer, ta’ 33 sena, soru tal-klawsura tal-Monasteru ta’ Vic; ġiet maqtula dik l-istess lejla waqt li iddefendiet il-kastita tagħha u tat xhieda tal-Konsagrazzjoni tagħha lil Kristu.
Nhar it-3 ta’ Ottubru ġie maqtul f’Barċellona is-suddjaknu tal-komunita’ ta’ Olot, Fra Eufrosinu M. Raga Nadal, ta’ 22 sena.
Fil-jum tat-13 ta’ Ottubru ġew maqtula billi sparawlhom fiċ-ċimiterju ta’ Terrassa (Barċellona), Fra Ludovico M. Ayet Canós, ta’ 50 sena u Fra Anġlu M. Presta Batlle, ta’ 21 sena, tal-komunita’ ta’ l-istess belt, dawn kienu ġew arrestati fil-21 ta’ Lulju u maqfula fil-ħabs Modelo ta’ Barċellona.
Fit-22 ta’ Novembru ġie maqtul fil-Fosos ta’ Santa Elena de Montjuic (Barċellona), P. Fernando M. Llobera Puigsech, ta’ 34 sena, Pirjol tal-komunita’ ta’ Olot, wara ġuri li sar biss għax kien reliġjuż.
Il-Proċess tal-Beatifikazzjoni, beda fid-djoċesi ta’ Barċellona f’Settembru ta’ l-1959. Fis-26 ta’ Ġunju 2006, il-Papa Benedittu XVI iffirma d-digriet tal-Beatifikazzjoni.
Dawn il-Martri ikkultivaw fil-Karmelu valuri nsara tal-mixja wara Krsitu u ngħataw il-grazzja tax-xhieda sat-tixrid tad-demm. Interessanti wieħed jara x’kiteb l-istudent tal-filosofija Fra Pietru M. Ferrer lil ommu meta kien diġa ċar li l-martirju kienet xi ħaġa imminenti: “Jekk Alla jitlobni ħajti, jiena nagħtiha bil-qalb. M’hemmx glorja akbar għan-nisrani li jagħti ħajtu għal Ġesù”. Nistgħu ngħidu li ż-żerriegħa kienet waslet biex tindifen biex tagħti l-frott tal-fidi. Bħal Ġesù dawn il-martri mietu jaħfru lil dawk li qatluhom u jxandru li Kristu huwa l-uniku Salvatur.
Il-Karmelu jifraħ għal din il-beatifikazzjoni ta’ ħutu u jrodd ħajr lil Alla li l-qdusija tiegħu tidher fil-qaddejja tiegħu.
Għal din l-okkażżjoni il-Provinċjal Patri Alexander Vella kiteb ittra lil Provinċja Maltija, fiha wara li jispjeġa xi ħaġa fuq dawn il-martri jgħid: “Ħafna mill-martri tagħna (Karmelitani) u ta’ ordnijiet reliġjużi oħra kienu żgħażagħ, studenti u novizzi. Ġà il-fatt li kellhom il-ħila jagħżlu l-ħajja reliġjuża f’mument ta’ persekuzzjoni juri l-qlubija tagħhom u r-radikalità li biha mxew wara Kristu, għax bl-għażla tal-ħajja reliġjuża kienu qed iqegħdu ħajjithom f’periklu kbir. L-eżempju tagħhom irid iċaqlaqna mill-medjokrità li kultant naqgħu fiha u jħeġġiġna biex nieħdu lil Ġesù u l-Evanġelju tiegħu bis-serjetà u ngħixu l-vokazzjoni tagħna b’fedeltà sa l-aħħar, ukoll fil-mumenti diffiċli tal-ħajja.”


No comments:
Post a Comment