Monday, February 11, 2008

Il-Verġni Mqaddsa Marija ta' Lourdes

150 Anniversarju mid-Dehriet

Dan hu l-ewwel rakkont tad-Dehriet miktub minn Bernadette. Inkiteb fi t-28 ta’ Mejju, 1861.

“Dakinhar mort lejn ix-xatt tax-xmara Gave biex niġbor l-injam għall-ħruq fl imkien ma’ żewġ tfajliet oħra. Huma qasmu x-xmara u f’ħin minnhom qabdu jibku. Meta staqsejthom għaliex qed jibku, huma qaluli għax l-ilma kien kiesaħ. Jien tlabthom jgħinuni nitfa’ xi ġebel fix-xmara biex inkun nista’ naqsam minn fuqhom bla ma ninża ż-żarbun. Huma qaluli nagħmel bħalhom.
Jien imxejt aktar ‘il quddiem biex nara nsibx post minn fejn naqsam bla ma ninża’ ż-żarbun, imma ma sibtx. Erġajt lura għal quddiem il-Grotta biex ninża’ ż-żarbun.Hekk kif bdejt ninża’, smajt ħoss. Ħarist lejn l-għelieqi faċċata imma s-siġar ma kinux qed jiċċaqilqu. Komplejt ninża u erġajt smajt l-istess ħoss. Għollejt rasi u ħarist lejn il-Grotta u rajt mara liebsa l-abjad.
Kellha libsa bajda, faxxa kaħla u warda safra fuq kull sieq, l-istess kulur tal-katina tal-kuruna tar-Rużarju. Jien għorokt għajnejja; ħsibt li ħadt żball. Daħħalt idi fil-but u sibt il-kuruna. Ridt inrodd is-salib imma ma stajtx ngħolli jdejja sa moħħi għax bdiet taqa’ lura. Idi kienet qed tirtogħod; erġajt ippruvajt u rnexxieli. Għedt ir-rużarju; id-dehra qagħdet tgħodd iż-żibeġ tal-kuruna bejn subgħajha imma ma ħarrkitx xufftejha. Meta spiċċajt ir-rużarju, id-dehra f’daqqa waħda sparixxiet.
Jien staqsejt lil sħabi jekk kinux raw xi ħaġa; huma qalu li ma raw xejn. Staqsewni x’kont rajt biex ngħidilhom. Imbagħad għedtilhom li kont rajt mara liebsa l-abjad, imma ma kontx naf min kienet, u li kellhom ma jgħidu lil ħadd dwar dan. Huma qaluli biex ma nerġax immur f’dak il-post aktar. Jien għedtilhom li ma kontx se nerġa’ mmur” L-Ewwel dehra: il-Ħamis 11 ta’ Frar 1858
Fil-Grotta ta’ Massabielle, ftit ’il barra mill-belt ta’ Lourdes, Bernadette Soubirous, tfajla ta’ 14-il sena, rat mara liebsa l-abjad imdawra bid-dija li tbisssmitilha imma ma kellmithiex.

No comments: