Saturday, July 5, 2008

Sena Pawlina

FUQ IL-PASSI TA’ MISSIERNA SAN PAWL
Meta San Pawl intilef fl-ibħra tal-Mediterran u nkalja ma’ gżira li kien jisimha Malta, id-disgrazzja tiegħu nbidlet fi grazzja għalina. In-Nawfraġju ta’ San Pawl fostna serva biex providenzjalment u, minn daqshekk kmieni, aħna nirċievu l-aħbar it-tajba tal-Evanġelju u nsiru nafu l-Mulej Ġesù. Sa minn dak iż-żmien, dan dejjem qisnieh barka u privileġġ. Il-fidi nisranija dejjem kienet f’nisġa waħda ma’ dak li lilna tana identità bħala poplu u nazzjon.

Għalhekk, bir-raġun ilqajna bil-ferħ l-istedina tal-Papa Benedittu XVI biex niċċelebraw mal-Knisja universali s-Sena Pawlina fl-okkażjoni tal-2000 sena mit-twelid ta’ dan l-Appostlu tal-Ġnus li għalina mhuwiex sempliċement wieħed mill-ħafna qaddisin, imma dak li nissilna fil-fidi. Fid-dawl ta’ din ir-rabta speċjali li l-gżejjer tagħna dejjem kellhom ma’ San Pawl Missierna, hija x-xewqa sinċiera tagħna li din is-Sena Pawlina ma tkunx biss okkażjoni ta’ ċelebrazzjonijiet li jiġu u jgħaddu, imma li sservi ta’ mbuttatura biex fin-nawfraġji tal-ħajja ta’ kuljum li ħafna minna qegħdin jiffaċċjaw, ikollna ċ-ċans niskopru l-qawwa li tiġi mill-fidi li dejjem ħaddanna.
Illum, fost il-ħafna sabih tal-ħajja, ħafna minna sfortunatament qed ibatu u huma mweġġa’. Il-ħajja taf toffri wkoll fit-tiżwieq tagħha nganni u diżappunti li gwaj jekk u meta ma nkunux preparati għalihom. Dawn huma l-esperjenzi fejn il-fidi nħossuha tinkalja u fejn inħossuna dgħajfa ħafna biex nibqgħu nittamaw. Fl-Ittra Pastorali tagħna tar-Randan ta’ din is-sena diġà konna tkellimna dwar kemm qed “inħossu fostna l-urġenza ta’ edukazzjoni soda fil-fidi li tagħmilna tassew insara adulti”. Dak inhar wegħdnikom “li se naħdmu b’impenn serju għal katekeżi soda f’kull livell”. Dan illum intennuh u nixtiequ li din is-Sena Pawlina sservi biex dan id-diskors inpoġġuh fil-konkret.
Itta Pastorali, Sena Pawlina 2008-2009

No comments: