
Ġen 12, 1 - 7; 15, 1 - 6
U l-Mulej qal lil Abram: "Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik. U jien nagħmlek gġns kbir, nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka. Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek. U jitbierku bik it-tribujiet kollha ta' l-art." U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran. U ħa miegħu Abram 'il Saraj martu, u 'l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f'Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta' Kangħan, u waslu f'art Kangħan. U Abram qasam l-art sas-santwarju ta' Sikem, sal-balluta ta' Mori; u dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art. U l-Mulej deher lil Abram u qallu: "Lil nislek għad nagħti din l-art." U hemm bena artal lill-Mulej, li kien deherlu.
Wara dawn il-ġrajja ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f'dehra u qallu: "La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna." U Abram qallu: "Sidi Mulej, x'se tagħtini, għax se nibqa' bla tfal, u l-werriet ta' dari se jkun Eligħeżer ta' Damasku." U Abram żied jgħid: "Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni." U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: "Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek." U ħarġu barra u qallu: "Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom." U żied jgħidlu: "Hekk għad ikun nislek." U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b'ġustizzja.
Simbolu: Kwiekeb

No comments:
Post a Comment