Wednesday, December 5, 2007

It-Tlieta wara l-Ewwel Ħadd ta' l-Avvent

Adam u Eva - l-Ewwel Dnub

Ġen 2, 4 - 3, 24

Dan hu nisel is-sema u l-art fil-ħolqien tagħhom. Meta Alla ħalaq l-art u s-sema; meta kien għad ma hemm ebda xitla tar-raba' fuq l-art; meta ebda ħaxix tar-raba' ma kien għadu nibet - għax il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex jaħdem l-art, minkejja l-ilma tiela' mill-art li sata' jsaqqi l-wiċċ kollu ta' l-art - il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta' l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja. U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f'nofs il-ġnien u s-siġra ta' tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden u ssaqqi l-ġnien; u minn hemm kienet tinqasam f'erbat irjus. L-ewwel waħda kien jisimha Pison, hi li ddur ma' l-art kollha ta' Hawila, fejn hemm id-deheb - u d-deheb ta' din l-art hu sabiħ, u hemm ukoll gomma tfuħ u ħaġar ta' l-oniċi. U t-tieni kien jisimha Gihon, li ddur ma' l-art kollha ta' Kus. U t-tielet kien jisimha Tigri, li kienet tgħaddi n-naħa tal-lvant ta' l-Assirja; u r-raba' xmara kienet l-Ewfrat. U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien ta' l-Għeden biex jaħdmu u jħarsu. U l-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: "Mis-siġar kollha tal-ġnien tista' tiekol, imma mis-siġra ta' tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut." U l-Mulej Alla qal: "M'hux sewwa li l-bniedem jibqa' waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih. U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skond ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima u 'l kull tajra ta' l-ajru, u 'l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. U l-Mulej Alla tefa' nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f'mara u ġiebha lill-bniedem. Mbaghad il-bniedem qal: "Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi." Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma' martu u jsiru ġisem wieħed. U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.

U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: "Tassew li Alla qalilkom: 'La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien'?" U l-mara wieġbet lis-serp: "Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f'nofs il-ġnien, Alla qalilna: 'La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.'" U s-serp qal lill-mara: "Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin." U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma. U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb is-siġar tal-ġnien.

U l-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: "Fejn int?" U dak wiegeb: "Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt." U staqsieh: "Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?" U wieġeb Adam: "Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt." U l-Mulej Alla qal lill-mara: "X'inhu dan li għamilt?" U l-mara wiegbet: "Is-serp qarraq bija, u jien kilt." U l-Mulej Alla qal lis-serp: "Talli għamilt dan, misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi. Għal żaqqek titkaxkar, u t-trab ta' l-art tiekol il-jiem kollha ta' ħajtek. U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu." U lill-mara qalilha: "Inkattarlek sewwa wġigħ it-tqala tiegħek, u bl-uġigħ tiled it-tfal; lejn żewġek tiġbdek xewqtek, u jaħkem fuqek hu. U lil Adam qallu: "Talli inti smajt minn kelmet martek, u kilt mis-siġra li ordnajtlek ma tikolx minnha u għidtlek: 'La tikolx minnha,' misħuta l-art minħabba fik; bit-taħbit tiekol minnha, il-jiem kollha ta' ħajtek. Xewk u għolliq tnibbitlek, u int tiekol il-ħaxix selvaġġ. Bl-għaraq ta' ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġa' lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġa' tmur." U Adam semma lil martu Eva għax hi kienet omm il-ħajjin kollha. U l-Mulej Alla għamel lil Adam u 'l martu ħwejjeg tal-ġild u libbishomlhom.

U qal il-Mulej Alla: "Ara issa l-bniedem sar bħal wieħed minna, jagħraf it-tajjeb u l-ħażin; u issa xi jkun jekk imur imidd idejh u jieħu wkoll mis-siġra tal-ħajja, u jiekol, u jibqa' ħaj għal dejjem?" Għalhekk il-Mulej Alla keċċieh 'il barra mill-ġnien ta' l-Għeden biex jaħdem l-art li minnha kien ittieħed. U ħareġ lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa tal-lvant tal-ġnien ta' l-Għeden, u s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq għas-siġra tal-ħajja.


Simbolu: Tuffieħa

No comments: