
Ġen. 1, 1 - 2, 3
Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wicc l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta' Alla. U qal Alla: "Ħa jkun id-dawl." U d-dawl sar. U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum. U qal Alla: "Ħa jkun hemm medda f'nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma." U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta' taħt il-medda mill-ilma ta' fuq il-medda. U hekk sar. U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ - It-tieni jum. U qal Alla: "Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta' taħt is-sema u jidher l-inxif." U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa ta' l-ilma sejjħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. U qal Alla: "Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skond għamliethom, fuq l-art." U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skond għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skond għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. U dalam u sebaħ - It-tielet jum. U qal Alla: "Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawwlu l-art. U hekk sar." U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ - Ir-raba' jum. U qal Alla: "Jiżgħed l-ilma b'kotra ta' ħlejjaq ħajjin u jittajjru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet." U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skond ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skond ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U berikhom Alla u qalilhom: "Welldu u oktru, u imlew l-ilma ta' l-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art." U dalam u sebaħ - Il-ħames jum. U qal Alla: "Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skond ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skond ġenshom." U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skond ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skond ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skond ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U qal Alla: "Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr ta' l-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art." U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom. U berikhom Alla u qalilhom: "Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art." U qal Alla: "Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom." U hekk sar. U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ - Is-sitt jum. U hekk intemmu s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba' jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba' jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel. U bierek Alla s-seba' jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien.
Simbolu: Ħamiema

No comments:
Post a Comment