Sunday, December 2, 2007

L-Ewwel Ħadd ta' l-Avvent

Is-Siġra ta' Ġesse
Isaija 11, 1-10

Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta' Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu ta' l-għerf u d-dehen, l-ispirtu ta' l-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu ta' l-għerf u l-biża' tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża' tal-Mulej. Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn, u ma jagħtix sentenza skond ma jisma', iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja, u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta' l-art. Isawwat il-kiefra bix-xettru ta' fommu, u b'nifs xufftejh joqtol lill-ħażin. Il-ħżiem ta' ġenbejh tkun il-ġustizzja, u l-fedeltà l-ħżiem ta' qaddu. Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta' tfajjel isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp; u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet. Mbagħad jiġri f'dak il-jum li l-għerq ta' Ġesse jieqaf bħala sinjal għall-popli. Lilu jfittxu l-ġnus, u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.

No comments: