Saturday, August 9, 2008

8 ta' Awissu - San Duminku ta' Guzman

Ħjiel dwar ħajtu

Twieled f’Caleruega, fi Spanja, għall-habta tas-sena 1172-73. Wara l-kors tat-teoloġija f’Palencia, huwa ordna saċerdot u daħal fil-Kapitlu ta’ Osma fejn inħatar sottopirjol. Mar darbtejn fid-Danimarka mal-isqof Diegu d’Acebes, li mbagħad ħadu miegħu Ruma biex jitolbu lill-Papa Innoċenz III jibgħathom missjunarji fost il-pagani. Il-Papa tahom missjoni oħra, il-predikazzjoni fost l-eretiċi Albiġiżi, u San Duminku nxteħet għaliha b’ħeġġa appostolika tal-għaġeb. Il-mewt tal-isqof Diegu ħallietu waħdu f’din il-ħidma bla mistrieħ, sakemm fl-1215, l-isqof Folco ta’ Tolosa għamlu predikatur fid-djoċesi tiegħu, fejn xi wħud issieħbu miegħu fil-“predikazzjoni ta’ Ġesu’ Kristu”, u hekk tnisslet fih l-idea li jwaqqaf u jorganiżża l-predikazzjoni fuq sisien sħaħ. Flimkien mal-isqof Folco niżel Ruma u qala’ mingħand il-Papa l-approvazzjoni tal-pjan tiegħu, li mbaghad twettqet uffiċjalmenmt mill-Papa Onorju III fit-22 ta’ Diċembru 1216. San Duminku waqqaf l-ewwel komunita' konventwali f’Tolosa u b’hekk tqiegħdu s-sisien tal-Ordni ġdid tiegħu taħt ir-regola ta’ Santu Wistin li hu stess għażillu. Fil-15 ta’ Awissu 1217, huwa xerred ir-reliġjużi tiegħu fl-Ewropa, l-iżjed f’Pariġi u Bolonja, l-aqwa żewġ ċentri ta’ tagħlim f’dak iż-żmien, waqt li hu stess ħa f’idejh il-predikazzjoni fost l-eretiċi Katari fl-Ewropa ta’ Fuq.

Kien jitkellem dejjem ma’ Alla biex iseħħlu aħjar jitkellem fuqu mal-oħrajn u jiġbidhom lejh bil-predikazzjoni u t-talb tiegħu. Mgħobbi bix-xogħol appostoliku, huwa miet fis-6 ta’ Awissu 1221 fil-kunvent ta’ Bolonja, imdawwar mill-komunita' għażiża tiegħu. Il-kanoniżżazzjoni tiegħu saret fit-3 ta’ Lulju 1234, mill-Papa Girgor IX, li kien ħabib kbir tiegħu sa minn meta kien għadu kardinal f-Ostia Tiberina.

No comments: