
Ġen 6, 11-22; 7, 17 - 8, 12. 20 - 9, 17
U l-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza. U Alla ħares lejn l-art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-art. U l-Mulej qal lil Noè: "Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal, għax imtliet bil-vjolenza l-art kollha minħabba fihom. Hawn jien se neqridhom minn wiċċ l-art. Agħmel għalik arka mill-injam taċ-ċipress; qassamha fi kmamar u idlikha minn barra u minn ġewwa bil-qatran. U tagħmilha hekk: tliet mitt driegħ tul, ħamsin driegħ wisa' u tletin driegħ għoli. L-arka agħmlilha saqaf u kompliha driegħ 'il fuq. Il-bieb ta' l-arka tqiegħdu fil-ġenb. Tagħmilha wkoll bi tliet gverti: t'isfel, tan-nofs u t-tielet ta' fuq. Għax arani, jiena se nibgħat dilluvju ilma fuq l-art biex neqred kull ħliqa li fiha nifs il-ħajja taħt is-smewwiet u kull ma jinsab fl-art jinqered. U jien nagħmel patt miegħek: int tidħol fl-arka, int u wliedek, martek u n-nisa ta' wliedek miegħek. Mill-ħlejjaq ħajjin kollha, minn kull xorta ta' annimali, tnejn minn kull xorta, iddaħħal fl-arka biex jibqgħu jgħixu miegħek, u jkunu raġel u mara. Jidħlu wkoll miegħek minn kull xorta ta' għasafar skond ġenshom, bil-bhejjem skond ġenshom, mill-annimali li jitkaxkru fl-art skond ġenshom, tnejn minn kull xorta jidħlu biex jgħixu miegħek. U inti tieħu miegħek minn kull xorta ta' ikel, li jista' jittiekel, u aħżnu miegħek, u jkun l-għajxien tiegħek u tagħhom." U hekk għamel Noè, għamel kull ma ordnalu Alla.
U d-dilluvju baqa' sejjer fuq l-art għal erbgħin jum; u l-ilmijiet bdew joktru u jgħollu l-arka, u din għoliet 'il fuq minn wiċċ l-art. U l-ilmijiet tqawwew u kotru ħafna fuq l-art, u l-arka kienet tgħum f'wiċċ l-ilma. U tqawwew bis-sħiħ l-ilmijiet fuq l-art, u għattew il-muntanji għoljin kollha taħt is-sema. Ħmistax-il driegħ 'il fuq għola l-ilma u tgħattew il-muntanji. U mietu l-ħlejjaq ħajjin kollha li jgħixu fuq l-art, tjur, bhejjem tad-dar, annimali selvaġġi, kull ma jitkaxkar ma' l-art, u l-bnedmin kollha. Kull ma kellu nifs il-ħajja f'imnifsejh, kull ma kien jgħix fl-inxif, miet. U qered il-ħlejjaq kollha minn wiċċ l-art: mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru sat-tajr ta' l-ajru, kollha nqerdu minn wiċċ l-art, u baqa' biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka. U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal mija u ħamsin jum.
U d-dilluvju baqa' sejjer fuq l-art għal erbgħin jum; u l-ilmijiet bdew joktru u jgħollu l-arka, u din għoliet 'il fuq minn wiċċ l-art. U l-ilmijiet tqawwew u kotru ħafna fuq l-art, u l-arka kienet tgħum f'wiċċ l-ilma. U tqawwew bis-sħiħ l-ilmijiet fuq l-art, u għattew il-muntanji għoljin kollha taħt is-sema. Ħmistax-il driegħ 'il fuq għola l-ilma u tgħattew il-muntanji. U mietu l-ħlejjaq ħajjin kollha li jgħixu fuq l-art, tjur, bhejjem tad-dar, annimali selvaġġi, kull ma jitkaxkar ma' l-art, u l-bnedmin kollha. Kull ma kellu nifs il-ħajja f'imnifsejh, kull ma kien jgħix fl-inxif, miet. U qered il-ħlejjaq kollha minn wiċċ l-art: mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru sat-tajr ta' l-ajru, kollha nqerdu minn wiċċ l-art, u baqa' biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka. U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal mija u ħamsin jum.

Imma Alla ftakar f'Noè, fl-annimali selvaġġi u l-bhejjem kollha miegħu fl-arka; u Alla qajjem riħ fuq l-art, u l-ilmijiet bdew jonqsu. U ngħalqu l-għejun tal-qiegħ u bwieb is-smewwiet, u waqfet ix-xita mis-smewwiet. U l-ilmijiet bdew rieġgħa lura minn fuq l-art, u baqgħu sejrin lura sakemm naqsu għalkollox wara mija u ħamsin jum. U waqfet l-arka fis-seba' xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, fuq il-muntanja ta' Ararat. U l-ilmijiet baqgħu sejrin lura u jonqsu sa l-għaxar xahar; u fl-għaxar xahar, fl-ewwel tax-xahar, dehru l-qċaċet tal-muntanji. U wara erbgħin jum Noè fetaħ it-tieqa ta' l-arka li kien għamel. U telaq ic-ċawlun, u dan ħareġ u baqa' ġej u sejjer sakemm nixef l-ilma minn fuq l-art. U Noè bagħat il-ħamiema minn ħdejh biex jara jekk naqasx l-ilma minn fuq wiċċ l-art. U l-ħamiema ma sabitx fejn isserraħ qiegħ riġilha, u reġgħet lura għal għandu fl-arka, għax l-ilma kien għadu fuq wiċċ l-art kollha. U Noè ħareġ idu u qabadha u daħħalha miegħu fl-arka. U stenna sebat ijiem oħra u reġa' bagħat il-ħamiema mill-arka. U l-ħamiema reġgħet lura fil-għaxija b'werqa friska taż-żebbuġ f'munqarha. U Noè ntebaħ li l-ilmijiet kienu naqsu minn fuq wiċċ l-art. U stenna sebat ijiem oħra, u bagħat il-ħamiema, u din ma reġgħetx lura iżjed għandu.
U Noè bena artal lill-Mulej , u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr safi, u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. U l-Mulej xamm ir-riħa ħelwa u għoġbitu; u l-Mulej qal f'qalbu: "Ma nerġax iżjed nisħet l-art minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu, u ma nerġax iżjed naħbat għall-ħlejjaq ħajjin kollha bħalma għamilt. Sakemm iddum l-art, żrigħ u ħsad, bard u għomma, sajf u xitwa, lejl u nhar, ma jonqsu qatt."
U Alla bierek lil Noè u lil uliedu, u qalilhom: "Nisslu u oktru u imlew l-art. U jkun il-biża' tagħkom fuq kull ħliqa ħajja fuq l-art, u fuq it-tajr kollu ta' l-ajru, u fuq kull ma jitkaxkar fl-art u fuq il-ħut kollu tal-baħar; u jitriegħdu quddiemkom; f'idejkom nerħihom. Kull ma hu ħaj u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; u wkoll il-ħaxix aħdar, kollu nagħtikom. Imma l-laħam b'demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx. U jien nitlob kont ta' demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta' bniedem ieħor bħalu. Kull min ixerred demm ta' bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu. Għax skond ix-xbieha tiegħu, ħalqu Alla lill-bniedem. U intom nisslu u oktru; xterdu ma' l-art u oktru fuqha."
U Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: "Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma' nisilkom warajkom; ma' kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma' kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art." U żied jgħid Alla: "Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Nqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma' s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f'kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj. U meta l-qawsalla tfeġġ fis-sħab, jien inħares lejha u niftakar fil-patt għal dejjem bejn Alla u bejn kull ħliqa ħajja fost il-laħam li hemm fuq l-art." U Alla qal lil Noè: "Dan hu s-sinjal tal-patt li jien għamilt bejni u bejn kull laħam li hemm fuq l-art."
Simbolu: Qawsalla

No comments:
Post a Comment